top of page
Il- Vari Tal- Gimgha Mqaddsa
Fil- Gzejjer Maltin
Ritratt mehud mis- sit: Kazin San Guzepp Zebbug.
L- informazzjoni rigward Vincenzo Ciappara hi mehudha mis- sit: Kazin San Guzepp Zebbug.Com.
Is- Surmast Vincenzo Ciappara twieled il- Belt Valletta fis- 6 ta’ Novembru 1890. Hu ħa l- edukazzjoni tiegħu fil- Liceo imbagħad ta’ 10 snin beda jistudja l- vjolin u dan kien b’ kumbinazzjoni peress li missieru kien rebaħ vjolin. Missieru ddeċieda li jibagħtu jitgħallem dan l- istrument fl- istitut ta’ Paolino Vassallo. Meta kellu 14-il sena beda jdoqq il- vjolin fil- knejjes u daħal fil- kappella tas- Surmast Anton Nani. Fl- 1907 l- istess Surmast Nani daħħlu fl- orkestra tat- Teatru Rjal, u poġġieh mal- vjolini sekondi. Wara erba’ snin inħatar leader tal- vjolini u dam ħafna f’ dan il-post sakemm beda bil- vjola. Dam jagħti s-servizz tiegħu mal- orkestra tat- Teatru Rjal sal- 1939. Is- Surmast Ciappara studja l- armonija għand is- Surmast Carlo Diacono, filwaqt li l- istrumentazzjoni tal- banda studjah għand is-Surmast Aurelio Doncich. Lil Vincenzo nsibuh jirfina u jistabbilixxi lilu nnifsu bħala surmast tal- mużika sagra u fuq parir tas- Surmast Diacono biex mexxa funzjonijiet fil- Katidral tal- Belt u tal- Imdina. Is- Surmast Vincenzo Ciappara magħruf bħala r- Re tal- Marċi Maltin kien il- bniedem li ħadem mat- tabib Robert Samut fl- istrumentazzjoni tal- Innu Malti, u kellu jkun hu s- Surmast li dderieġa l- banda l- ewwel darba li ndaqq. Fl- 1924, il-Banda Annunzjata ta’ Ħal Tarxien daħħlet lis- Surmast Vincenzo Ciappara fil -qasam tal- baned billi ħatritu surmast direttur tagħha. Sentejn wara, f’ Ġunju tal- 1926 beda jidderieġi l- Banda De Rohan. Idderieġa l- ewwel programm tiegħu mal- Banda De Rohan f’ Bormla fil- Festa tal- Inkoronazzjoni tal- Madonna tal- Kunċizzjoni. Kienet ħatra meqjusa bħala rebħa kbira tant li l-ġurnali ta’ dak iż- żmien kienu rrakkomandaw lill- bandisti tal- Banda De Rohan biex japprofittaw ruħhom minn din il- kisba u jirbħu t- tagħlim u l- esperjenza li kellu x’ joffri dan is- surmast. Fost l- ewwel xogħol li kkompona għall- Banda De Rohan insibu “Marcia Trionfale San Giuseppe”. Kemm dam jagħti s- servizz tiegħu lill- Banda De Rohan sal- 1930, kien żmien li fih tella’ programmi li baqa’ jissemma għalihom u wkoll ikkompona diversi xogħlijiet li għadhom jinżammu b’għożża fl- arkivji tas-soċjetà. Il -fama ta’ Re tal- Marċi Maltin kisibha għax kien l- ewwel surmast li beda jsawwar marċi melodjużi u tal- widna kif nafuhom illum. Fost il- ħafna kompożizzjonijiet tas-Surmast Ciappara nsibu li anke kkompona żewġ kanzunetti Maltin. Is-Surmast Vincenzo Ciappara mexxa wkoll il- baned tal- Kings Own, Prince of Wales, La Vittoria u l- Banda Konti Ruggieru li dam magħha għal madwar 50 sena. Miet nhar id- 29 Lulju 1979, fl- għomor ta’ 89 sena. Fil- funeral tiegħu kien akkumpanajat mill- Banda Konti Ruġġieru.
Copyright 2017. All Rights Reserved. Website designed by Wayne Mallia. Contact Us: 9917 2787 or email on waynemallia80@gmail.com
bottom of page